“Mhux kull pajjiż huwa l-istess u mhux kull pajjiż għandu l-istess sfidi fejn tidħol inflazzjoni. Ma jistax ikollna mudell wieħed għall-Ewropa kollha." Dan qalu l-Ministru għall-Ekonomija, Fondi Ewropej u Artijiet Silvio Schembri waqt li kien qed jitkellem fil-Kunsill Informali tal-Ministri għall-Kompetittivita li qed jittella' fi Praga.
Il-Ministru Schembri spjega kif filwaqt li għal ħafna pajjiżi Ewropej l-aktar xhur ta' sfidi fejn tidħol inflazzjoni u l-aċċess għall-enerġija huma x-xhur xitwin, għall-pajjiżna matul ix-xhur tas-sajf huwa fejn naraw żieda sostanzjali fil-konsum ta' enerġija u mhux fix-xitwa.
“Għaldaqstant ma jistax ikollok mudell wieħed li jkun jgħodd għall-Ewropa kollha. Dan huwa l-każ ukoll fejn tidħol ekonomija ħadra, fejn ma jistax ikollok l-istess mudell madwar l-Ewropa kollha, meta stati gżira bħal Malta għandhom l-importazzjoni u esportazzjoni kollha dipendenti fuq it-trasport bil-baħar, li jniġġeż aktar minn trasport fl-art. Għalhekk pajjiżna ma jistax jispiċċa jħallas aktar sempliċiment għax hu gżira," żied jgħid il-Ministru Schembri.
Huwa tkellem ukoll fuq il-bżonn li jiġu msaħħa l-istrumenti finanzjarji tal-Unjoni Ewropea biex jissoda l-aċċess għall-finanzi. “In-negozji żgħar u medji, li huma d-90% tal-bażi ekonomika tagħna, jsibuha diffiċli biex jaċċessaw fondi Ewropej. Għalhekk qed nipproponu li jkollok persentaġġ iddedikat għall-fondi ċentralizzati, minflok distribuzzjoni ġeografika. Dan ikun qed jibgħat il-messaġġ li dawn il-fondi jkunu wkoll aċċessibbli għal dawk il-pajjiżi bħal Malta, fil-periferija tal-Unjoni Ewropea."
Dwar it-tranżizzjoni lejn diġitilizzazzjoni u ekonomija ħadra, il-Ministru Schembri qal li jeħtieġ li jagħtu l-ħiliet neċessarji lir-riżorsa umana u li jtejbu l-aċċess għall-fondi għan-negozji żgħar u medji.
“Nemmnu li jekk ikun hemm regoli riġidi dwar l-innovazjoni diġitali, toħnoq il-kompetittività. L-għan ewlieni tagħna għandu jkun li jinħoloq bilanċ, bejn li nnaqsu l-kumplessità tal-leġiżlazzjoni Ewropea biex inkunu aktar attraenti għall-investiment dirett barrani, filwaqt li nibqgħu nipproteġu n-normi u l-valuri Ewropej," tenna l-Ministru Silvio Schembri.
