IL-GVERN ILLUM IVARA PROĊESS TA’ KONSULTAZZJONI DWAR L-INTEGRAZZJONI POLITIKA MARITIMA

Reference Number: PR141705, Press Release Issue Date: Jul 25, 2014
 
Aktar kmieni llum, fil-bini tal-Istitut Internazzjonali għall-Istudju Marittimu (IMLI) is-Segretarju Parlamentari José Herrera vara l-proċess ta’ konsultazzjoni fuq il-Politika Integrata tal-Marittimu. Fil-preżenza tal-istakeholders ewlenin ta’ dan is-settur fosthom il-Professur David Attard, is-Segretarju Parlamentari José Herrera qal li l-għan aħħari ta’ dan il-proċess huwa li jikkordina l-politika marittima u mhux jissostitwixxi l-politika differenti f’dan is-settur. Huwa qal li t-triq ’l quddiem hija l-blue economy b’enfażi partikolari fuq il-blue growth kif stabbilita mill-Unjoni Ewropea.

Il-Marittimu: Mutur ekonomiku
Studju riċenti wera li ħmistax punt erbgħa fil-mija tal-ekonomija tagħna kienet dipendenti fuq il-marittimu. “Mill-marittimu u l-baħar mhux biss jiddependi l-għejxien tagħna imma tiddependi ukoll l-ekonomija tagħna għal numru ta' attivitajiet importanti bħal per eżempju dawk tal-Port Ħieles, ġarr bil-vapuri tal-importazzjoni u l-esportazzjoni ta' prodotti, l-industrija tas-sajd, is-settur tal-Cruise Liners, kif ukoll l-industrija tat-turiżmu”, tenna s-Segretarju Parlamentari José Herrera.

Il-baħar u l-industrija marittima qed jipprovdu ’l fuq minn għoxrin elf impjieg b’valur ta’ kważi sitt mitt miljun ewro li qed imorru fl-ekonomija tagħna. F’dan il-qasam pajjiżna għandu potenzjal li sa issa għadu ma ġiex esplorat. “Jeżistu oqsma fil-blue growth li għadna ma missejniex. It-tama tiegħi hija li fi tmiem dan il-proċess noħorġu b’viżjoni segwita minn strategija biex dawn l-oqsma mhux biss imisshom imma nibdew naħsdu l-frott minnhom” tenna s-Segretarju Parlamentari. 

Malta għandha l-aktar persentaġġ għoli mill-pajjiżi l-oħra tal-Unjoni Ewropea ta’ impjiegi ġġenerati permezz tal-marittimu madanakollu fejn jidħol il-valur ta’ dawn l-impjiegi dan għadu ma jikkorispondix ma’ din iċ-ċifra daqstant għolja. “Għalhekk nemmen bis-sħiħ f’ekonomija li tista’ tkun ġġenerata permezz tal-attivitajiet marittimi għax permezz tagħha nistgħu noħolqu l-impjiegi. It-tragward tagħna issa jrid ikun li dawn l-impjiegi jrendu l-valur imma biex irendu l-valur jeħtieg li nkunu aktar kompettivi”, tenna s-Segretarju Parlamentari.

Huwa qal li dan jista’ jsir billi pajjiżna jħajjar l-iżvilupp ta’ linji ġodda ta’ ekonomija ġġenerati mill-baħar fl-istess ħin li naċċertaw ruħna li jkollna r-riżors neċessarju biżżejjed li nagħmlu tajjeb għal din id-domanda. 

Biex nibqgħu inservu ta’ driving force f’dan is-settur hemm bżonn ninvestu aktar: investiment fl-industrija u investiment fir-riżors uman ... inkluż tekniku, amministrattiv u legali, sostna s-Segretarju Parlamentari.

Is-Segretarju Parlamentari qal li d-dokument ta’ konsultazzjoni jieħu kont tal-frammentazzjoni li teżisti f’dan is-settur, jiddentifika żoni ġodda ta’ żvilupp, u jpoġġi triq ’l quddiem għal dan is-settur li hija waħda aktar ħolistika.    

“Permezz ta’ dan id-dokument irridu nipprovdu qafas b’saħħtu biżejjed biex f’pajjiżna jkollna clusters ta’ eċċelenza f’servizzi finanzjarji fil-marittimu, loġistika, sajd u akwakultura, turiżmu kostali, servizzi marbuta mal-industrija tal-baħar u qafas ta’ riċerka u innovazzjoni li twassal għal ħolqien ta’ setturi ġodda”, tenna s-Segretarju Parlamentari. Qed niffokaw l-attenzjoni tagħna fuq ħames oqsma importanti bħall-enerġija rinnonvabli, il-bijoteknoloġija, it-turiżmu, l-akwa kultura u r-riżorsi minerali. Madanakollu hemm ukoll oqsma kruċjali oħra li rridu nagħtu kashom bħat-tiswija tal-vapuri, it-transport, is-sajd u l-offshore facilities, sostna Herrera.

Fost l-inizjattivi li joħorgu minn dan id-dokument, is-Segretarju Parlamentari qal li dan il-proċess qed jipproponi li jiddaħlu miżuri fil-qafas legali tagħna sabiex nerġgħu nibdew nattiraw il-litiġju marittimu. U dan billi insaħħu ċ-ċentru t’arbitraġġ Malti u nesploraw il-possibbiltà li nerġgħu inwaqqfu l-Qorti Marittima. 

Inizjattiva Pożittiva
Il-Professur David Attard faħħar l-inizjattiva minn naħa tas-Segretarju Parlamentari li jvara dan il-proċess. Huwa qal li l-politika integrali fil-marittimu hija importanti għaliex tipprovdi koordinazzjoni fl-użu tal-marittimu Malti, li huwa mimli opportunitajiet ġodda. 

Huwa wera l-apprezzament tiegħu lejn l-invit li sarlu mis-Segretarju Parlamentari biex jindirizza dan il-proċess kif ukoll semma li permezz ta’ din il-politika pajjiżna jista’ jattira swieq ġodda bħall-kwistjoni tal-arbitraġġ. Huwa qal li l-industrija marittima hija prezzjuża għal industrija Maltija.

Il-Marittimu jista’ jigi żviluppat aktar
Il-konsulent Gordin Cordina qal li hemm ekoloġija ekonomika sħiħa li tista’ tiġi żviluppata permezz tal-marittimu.

Bħalissa impjieg minn kull sebgħa ġej mill-marittimu, u ċ-ċifra għalkemm hija għolja xorta waħda tista’ tkompli tikber. F’Malta tlieta punt ħamsa fil-mija tal-populazzjoni taħdem fil-marittimu. Imma l-valur miżjud ta’ kull impjieg huwa relattivament baxx. 

“Qed niġġeneraw ħafna impjiegi imma dawk l-impjiegi nistgħu ngħolluhom fuq livell għoli ta’ produttività biex l-impjiegi jirrendu aktar”, temma jgħid il-Konsulent Gordon Cordina. 

Il-proċess ta’ konsultazzjoni li ġie varat llum se jibqa’ miftuħ sal-aħħar tas-sena biex imbagħad l-Gvern joħroġ bil-politika integrata fuq il-marittima. Din il-politika mistennija tiġi varata mill-Gvern f’Konferenza Nazzjonali li trid tiġbor madwarha l-istakeholders ewlenin ta’ dan il-qasam vast u vitali għal ekonomija tagħna. 
 
​​​​​​​​​​​