Malta trid issir ċentru ta’ eċċellenzi

Publication Date: Apr 06, 2013
 
L-għan ewlieni ta’ Gvern Laburista huwa li jagħmel minn Malta ċentru ta’ eċellenza f’diversi oqsma ekonomiċi fosthom fil-qasam marittimu, finanzjarju u tal-egaming. Dan l-għan imur id f’id mal-manifest elettorali li permezz tiegħu l-Partit Laburista kkampanja u rebaħ l-elezzjoni ġenerali tad-9 ta’ Marzu li għadda. 

Fil-jiem li għaddew it-TORĊA tkellmet ma’ Edward Zammit Lewis Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Kompet​​​​tività u Tkabbir Ekonomiku. Mistoqsi dwar ir-reponsabbiltanjiet tiegħu qal li dawn huma sfida għalih li qed jaddatta ruħu għaliha: “Sfida għaliex ġejt elett l-ewwel darba bħala membru parlamentari u mill-ewwel il-Prim Ministru għoġbu jafdani bħala ‘Junior Minister’ b’portafol tant interessanti u importanti għall-pajjiżna. Nilqa’ din l-isfida u se nagħmel ħilti kollha biex inrodd lura din il-fiduċja lill-Prim Ministru u lill-poplu Malti.”

Dwar l-ewwel ġimgħat ta’ ħidma, Zammit Lewis, li ddeskriviehom bħala interessanti u ta’ sfida, qal li saret ħidma biex issir analiżi tax-xogħol li kien twettaq mill-gvern preċedenti u li fl-istess waqt tibda l-implimentazzjoni tal-proposti tal-manifest elettorali. Saħaq li l-ħidma tal-gvern, f’dawn l-aħħar ġimgħat, hija sinjal ċar ta’ ħeġġa u determinazzjoni li l-affarijiet qegħdin jitwettqu. 


Settur Finanzjarju 

Is-Segretarju Zammit Lewis tkellem dwar il-fatt li f’dawn il-ġimgħat mill-ewwel kellu jiffaċċja sfidi dwar il-qasam finanzjarju. Huwa semma kif waħda mill-isfidi kienet dik tar-rappurtaġġi internazzjoni tal-qasam finanzjarju Malti: “Dan il-gvern b’ċertu għaqal irnexxielu jegħeleb din il-problema billi wera li f’pajjiżna għandna qasam tas-servizzi finanzjarji li għandhom regolamentazzjoni serja, mir-regolatur, b’‘trackrecord’ eċċellenti.”

Mistoqsi dwar x’inhi l-pożizzjoni ta’ Malta fil-konfront tal-proposti tal-Kummissjoni Ewropea li tidħol fis-seħħ taxxa fuq tranżazzjonijiet finanzjarji, Zammit Lewis stqarr li Malta hija kontra din it-tip ta’ tassazzjoni fuq is-servizzi finanzjarji. Ir-raġuni għal dan hija li din it-tip ta’ tassazzjoni twassal biex jitkissru d-diversi niċeċ ta’ servizzi finanzjarji li toffri Malta: “Dan hu impenn li ta l-gvern fil-manifest elettorali, kif wkoll ninnota bi pjaċir li f’dan ir-rigward hemm qbil ukoll bejn il-gvern u l-oppożizzjoni.”


Marittimu

Settur li jaqa’ taħt il-kompetenzi tas-segretarju parlamentari huwa l-promozzjoni tas-servizzi marittimi. Zammit Lewis stqarr li diġà beda jsir xogħol bil-għan li Malta tesplojta l-vantaġġi tagħha. 

Saħaq li: “Fil-jiem li għaddew inbeda xogħol biex ikun mwettaq il-kunċett li semmejna fil-manifest elettorali fejn Malta ssir ċentru marittimu. Dan fil-fatt jista’ jsir billi jkollna politika marittima ħolistika u billi nippromwovu l-kunċett hekk imsejjaħ ‘blue economy’ jiġifieri li jkun hemm żvilupp ekonomiku fil-qasam marittimu.” 
Is-Segretarju Zammit Lewis kompla jemfasizza li Malta f’dan ir-rigward għandha tisfrutta l-pożizzjoni ġeografika tagħha bħala pajjiż fil-Mediterran u li hu viċin l-pajjiżi tal-Afrika ta’ Fuq: “Fl-istess ħin Malta hija wkoll membru tal-Unjoni Ewropea. Dan ċertament jagħtina vantaġġ li għandna nisfruttawh.”

Mistoqsi dwar x’servizzi u opportunitajiet tista’ toffri Malta, Zammit Lewis spjega li hemm diversi setturi li bihom Malta tista’ tipproġetta ruħha, fost dawn hi l-possibilità li pajjiżna jsir ċentru ta’ eċċellenza f’dak li għandu x’jaqsam taħriġ fid-diversi dixxipplini marittimi, kif ukoll f’dawk li għandhom x’jaqsmu servizzi li jingħataw lil bastimenti varji u rigijiet taż-żejt.
 
Is-segretarju parlamentari tenna li :“Malta tista’ tkun wkoll punt ta’ referenza f’dak li għandu x’jaqsam ħarsien u konservazzjoni tal-ibħra u setturi oħra. Dan però biex jintlaħaq irid ikun akkumpanjat minn politika ta’ paċi u sigurtà fir-reġjun Mediteranju.”


e-gaming

Is-Segretarju Parlamentari tkellem mat-TORĊA dwar is-settur tal-e-gaming u kif dan huwa wieħed stabbli u b’saħħtu f’pajjiżna. Tenna li diġà beda bil-ħidma tiegħu bil-għan li dan is-settur ikun aġġornat ħalli jkun jista’ jilqa’ għall-isfidi li jistgħu jiġu minn barra mill-pajjiż. 

B’rabta ma’ dan is-settur hemm wkoll il-pjan kif imniżżel fil-manifest elettorali tal-Partit Laburista dwar l-ekonomija diġitali. Huwa saħaq li flimkien mal-aġenzija tal-informatika tal-gvern MITA, kif ukoll mal-awtorità tal-komunikazzjoni MCA, bdiet il-ħidma biex jidħlu fis-seħħ il-proposti elettorali dwar il-provvista tal-internet bla fili mal-pajjiż kollu (WiFi) u t-tisħiħ tal-governanza elettronika. Mistoqsi meta se jkunu implimentati dawn il-proposti, Zammit Lewis, stqarr li sa din il-leġiżlatura dawn il-proposti jidħlu fis-seħħ.
​​